Unjoni Ewropea

L-Unjoni Ewropea (abbrevjata bħala UE) hija unjoni politika u ekonomika ta' 28 stat membru li jinsabu prinċipalment fl-Ewropa.[1] L-UE ġiet stabbilita taħt l-isem attwali permezz tat-Trattat ta' Maastricht tas-7 ta' Frar 1992 (li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 1993),[2] liema stati aderenti ġew miżjuda wara t-triq twila tal-Komunitajiet Ewropej li kienu jeżistu qabel.

L-organi prinċipali tal-UE jinvolvu lill-Kunsill (denominazzjoni li ħadet post dik tal-Kunsill tal-Ministri mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Maastricht), il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament, il-Kunsill Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew. Il-membri tal-Parlament Ewropew huma eletti kull ħames snin miċ-ċittadini Ewropej. Il-belt kapitali de facto tal-UE hija Brussell.[3]

L-UE żviluppat suq komuni permezz ta' sistema standardizzata ta' liġijiet li japplikaw fl-istati membri kollha. Fi ħdan iż-Żona Schengen (li tinkludi 22 stat tal-UE u 4 stati non-UE) kontrolli fuq il-passaport ġew aboliti.[4] Il-politiki tal-UE jassiguraw il-moviment ħieles ta' nies, merkanzija, servizzi u kapital,[5][6] jiddekretaw leġiżlazzjoni fil-ġustizzja u l-affarijiet interni, u jżommu politiki komuni għall-kummerċ,[7] l-agrikoltura,[8] is-sajd u l-iżvilupp reġjonali.[9]

Flag of Europe
Bandiera tal-Ewropa

Status

Fil-preżent, l-Unjoni Ewropea hija l-aktar organizzazzjoni reġjonali potenti. F'ċerti postijiet fejn l-istati membri ttrasferew ammont ta' sovranità lill-Unjoni, l-UE tidher tixbah iktar lil xi federazzjoni jew kofederazzjoni. Iżda l-istati membri jibqgħu jikkontrollaw it-trattati, jiġifieri l-Unjoni m'għandhiex is-setgħa li tieħu l-poter minn fuq il-pajjiżi mingħajr il-kunsens tagħhom. Dan apparti l-fatt li l-pajjiżi membri jibqgħu jħaddnu l-politika tagħhom f'dawk l-oqsma ta' importanza nazzjonali, bħal relazzjonijiet barranin u d-difiża.

Din l-istruttura unika, probabbilment iġġiegħlek tħares lejn l-Unjoni Ewropea iktar bħala entità sui generis.

L-istat attwali u futur tal-UE huwa s-suġġett ta' ħafna battibekki politiċi fost il-pajjiżi membri.

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tal-Unjoni Ewropea hija sekwenza ta' trattati bejn il-pajjiżi membri. Dawn ġew emendati ħafna drabi tul is-snin, b'kull trattat ġdid jemenda u jissupplimenta dak ta' qablu. L-ewwel trattat li seħħ kien it-Trattat ta' Pariġi tal-1951 li stabbilixxa l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (European Coal and Steel Community; ECSC) bejn grupp oriġinali ta' sitt pajjiżi Ewropej li kienu jinkludu lil Franza, il-Belġju, il-Pajjiżi Baxxi, il-Lussemburgu, l-Italja, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Minn dak iż-żmien 'l hawn, dan it-trattat skada u l-funzjonijiet tiegħu ġew meħuda minn trattati oħra li ġew warajh. Minn naħa l-oħra, it-Trattat ta' Ruma tal-1957 għadu jgħodd sal-lum, avolja ġie emendat, partikolarment bit-Trattat ta' Maastricht tal-1992, li stabbilixxa l-Unjoni Ewropea taħt dan l-isem. It-Trattat ta' Ruma kien essenzjali biex tiġi stabbilità l-Komunità Ekonomika Ewropea (European Economic Community; EEC) kif ukoll l-Komunità tal-Enerġija Atomika Ewropea (European Atomic Energy Community; EAEC jew Euratom). Il-ħolqien ta' suq komuni kellu jkun wieħed mill-għanijiet ewlenija tal-unifikazzjoni tal-Ewropa għal ħafna żmien. L-aħħar modifiki li saru fuq it-Trattat ta' Ruma ġew miftiehma bħala parti mit-Trattat tal-Adeżjoni ta' 10 Stati Membri ġodda, li ġie implimentat fl-1 ta' Mejju, 2004.

Reċentement, l-Istati Membri tal-UE qablu mal-kontenut ta' trattat kostituzzjonali li, jekk jiġi ratifikat mill-pajjiżi membri, għandu jkun l-ewwel kostituzzjoni uffiċjali tal-UE, li tirrimpjazza t-trattati kollha preċedenti b'dokument wieħed.

F'każ li t-trattat tal-kostituzzjoni ma jiġix ratifikat mill-membri kollha tal-UE, ikun hemm bżonn li jerġgħu jinfetħu n-negozjati fuqu. Ħafna politiċi u uffiċjali jaqblu li l-istrutturi prekostituzzjonali huma ineffiċjenti għal Unjoni ta' 28 Stat Membru li qiegħda dejjem tikber maż-żmien. Politiċi f'ċerti pajjiżi membri (partikolarment fi Franza), issuġġerew li jekk ikun hemm biss ftit pajjiżi li ma jirratifikawx it-trattat, il-bqija tal-Unjoni għandha tinjorahom u timxi mingħajrhom. Dan l-aġir pjuttost kontroversjali jista' possibbilment joħloq unjoni oħra iktar Avant Garde ta' pajjiżi li impenjaw ruħhom għal dan it-trattat, ġewwa l-unjoni preżenti.

Ara wkoll:

  • Trattati tal-UE
  • Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni Ewropea

Istituzzjonijiet tal-UE

L-UE m'għandha l-ebda kapitali uffiċjali u l-istituzzjonijiet tagħha huma mifruxa f'ħafna bliet:

  • Brussell hija s-sede tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Ministri, fejn isiru wkoll il-laqgħat tal-kumitat u xi sessjonijiet plenarji tal-Parlament Ewropew. Sa minn l-aħħar tkabbir tal-UE, fi Brussell qed jinżammu wkoll is-summits (il-qċaċet/il-laqgħat-quċċata) kollha tal-Kunsill Ewropew. Għal dawn ir-raġunijiet, Brussell tista' tiġi kkunsidrata de facto, il-kapitali tal-UE.
  • Strasburgu hija s-sede tal-Parlament Ewropew kif ukoll il-post fejn isiru ħafna mis-sessjonijiet plenarji. Hija wkoll il-benniena tal-istituzzjonijiet storiċi ta' "Ewropa ikbar" (Kunsill tal-Ewropa, Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem), li jikkooperaw mal-UE.
  • Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u s-segretarjat tal-Parlament Ewropew jinsabu l-Lussemburgu.
  • Il-Bank Ċentrali Ewropew jinsab Frankfurt.

Aġenziji tal-UE

L-UE għandha numru ta' agenziji speċializzati u deċentralizzati b'mandat sabiex ikunu ta' għajnuna għall-Istati Membri tal-UE:

Aġenziji tal-Politika Komuni tal-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà (CFSP):

  • Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (EUSC)
  • L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA)

Aġenziji komunitarji

Aġenziji tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali

Aġenti Eżekuttivi

Aġenziji u entitajiet tal-EURATOM

Kwistjonijiet attwali

Bħalissa, l-kwistjonijiet prinċipali li qed tiffaċċja l-UE jinkludu r-relazzjonijiet mal-Istati Uniti, ir-reviżjoni tar-regoli tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir, u r-ratifika tat-Trattat ta' Lisbona.

Stati Membri u Tkabbir Suċċessiv

'Artikli prinċipali: Pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, Tkabbir tal-Unjoni Ewropea, Pajjiżi ġirien li jdawru l-Unjoni Ewropea, Il-kriterji tal-isħubija.

Sa mill-1 ta' Mejju, 2004, l-Unjoni Ewropea tikkonsisti f'25 pajjiż membru. L-erja totali ta' dawn il-25 pajjiż (2004) hija 3,892,685 km². Kieku kienet pajjiż, l-UE kienet tkun is-seba' l-akbar pajjiż fid-dinja mid-daqs. In-numru ta' ċittadini tal-UE (kull ċittadin ta' pajjiż membru tal-UE, skont it-termini stipulati fit-Trattat ta' Maastricht) fil-25 stat, jammonta, bejn wieħed u ieħor, 453 million (Marzu 2004). Din il-figura hija it-tielet l-akbar fid-dinja wara ċ-Ċina u l-Indja.

EU Member states and Candidate countries map
Mappa tat-28 pajjiż membru tal-UE, ammissjonijiet tal-2013 u pajjiżi kandidati

Fl-1952/1958 is-sitt pajjiżi fundaturi tal-UE kienu: il-Belġju, Franza, il-Ġermanja tal-Punent, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi. Minn dakinhar, 19-il pajjiż ieħor ingħaqdu mal-UE fi tkabbir sussegwenti:

Sena Pajjiżi
1973 Danimarka, Irlanda, u r-Renju Unit
1981 Greċja
1986 Portugall u Spanja
1995 Awstrija, Finlandja, u Svezja
2004 Ċipru, Ċekja, Estonja, Ungerija, Latvja, Litwanja, Malta, Polonja, Slovakkja u Slovenja
2007 Bulgarija u Rumanija
2013 Kroazja

Noti:

  • Il-Groenlandja, li ġiet mogħtija awtonomija mid-Danimarka fl-1979, telqet mill-Komunitajiet Ewropej fl-1985, wara referendum.
  • fl-1990: it-territorju u l-popolazzjoni tal-Komunità Ewropea żdiedu meta l-Ġermanja ta' Lvant ingħaqdet mal-Ġermanja tal-Punent.

Membri futuri tal-UE

Bħalissa hemm tliet stati li jissejħu kandidati, dawn huma s-Serbja, it-Turkija (ma' dawn l-istati, in-negozjati għadhom għaddejjin) u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Il-pajjiżi li applikaw biex isiru membri tal-Unjoni huma l-Albanija, l-Islanda u l-Montenegro. Iktar informazzjoni fuq tkabbir futur jista' jinsab fl-artiklu Tkabbir tal-Unjoni Ewropea.

Xi pajjiżi bħan-Norveġja u l-Isvizzera li fil-preżent mhumiex membri tal-UE, xorta għandhom ftehim speċjali mal-unjoni. (Ara l-artiklu dwar relazzjonijiet ta' terzi pajjiżi ma l-UE). Ħafna mill-membri tal-EFTA (European Free Trade Association) huma sħab mat-Trattat tal-EEA (European Economic Area), li jfisser li dawn il-pajjiżi jistgħu jipparteċipaw ukoll fis-suq komuni.

Status ta' Territorji extra-Ewropej

Ċerti postijiet għandhom konnessjonijiet jew assoċjazzjonijiet mal-istati membri tal-UE minħabba l-passat kolonjali tagħhom, rabtiet kulturali jew ġeografiċi. Għar-relazzjoni tal-UE ma' Groenlandja, l-Isle of Man, l-Ażores u Madejra, fost oħrajn, ara l-artiklu dwar Territorji ta' stati membri speċjali u r-relazzjoni tagħhom mal-UE.

Struttura

Il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea jinkludu numbru kbir ta' strutturi legali u istituzzjonali li huma sovvrapposti fuq xulxin. Dan huwa r-riżultat tal-ħafna trattati internazzjonali suċċessivi li seħħew maż-żmien. Fi żminijiet riċenti, saru ħafna sforzi konsiderevoli biex jiġu konsolidati u simplifikati dawn it-trattati, li fl-aħħar mill-aħħar wasslu għall-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni Ewropea. Jekk dan it-trattat propost jiġi adottat, dan jispiċċa biex jieħu post it-trattati l-oħra li attwalment jiffurmaw il-kostituzzjoni tal-UE.

Referenzi

  1. ^ Tagħrif bażiku dwar l-Unjoni Ewropea. europa.eu. Aċċess tal-URL: 4 ta' Ottubru 2012.
  2. ^ Paul Craig; P. P. Craig; Grainne De Burca, EU Law: Text, Cases and Materials, 4, Oxford, Oxford University Press, 2007. pġ. 15 ISBN 978-0-19-927389-8
  3. ^ (Ingliż) Brussels' EU capital role seen as irreversible. Euractiv.com. Aċċess tal-URL: 28 ta' Ottubru 2012.
  4. ^ (Ingliż) Schengen area. europa.eu. Aċċess tal-URL: 8 ta' Settembru 2010.
  5. ^ (Ingliż) The EU Single Market: Fewer barriers, more opportunities. europa.eu. Aċċess tal-URL: 27 ta' Settembru 2007.
  6. ^ Suq wieħed mingħajr fruntieri. europa.eu. Aċċess tal-URL: 29 ta' Ġunju 2007.
  7. ^ (Ingliż) Common commercial policy. europa.eu. Aċċess tal-URL: 6 ta' Settembru 2008.
  8. ^ Agrikoltura u Sajd. Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Aċċess tal-URL: 3 ta' Ġunju 2013.
  9. ^ Politika Reġjonali Inforegio. europa.eu. Aċċess tal-URL: 3 ta' Ġunju 2013.

Ħoloq esterni

Uffiċjali
Data u statistika
Awstrija

L-Awstrija (Ġermaniż:Österreich), uffiċjalment ir-Repubblika tal-Awstrija (Ġermaniż: Republik Österreich ), hi repubblika federali u pajjiż interkjuż ta' madwar 8.47 miljun ruħ fl-Ewropa Ċentrali tal-Lvant. Il-pajjiż jaqsam fruntiera mar-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja lejn it-tramuntana, l-Ungerija u s-Slovakkja lejn il-lvant, is-Slovenja u l-Italja fin-nofsinhar, u l-Iżvizzera u l-Liechtenstein lejn il-punent. It-territorju tal-Awstrija jkopri 83,855 kilometru kwadru (32,377 mi kw) u għandhu klima moderata u alpina. It-terren tal-Awstrija huwa ferm muntanjuż minħabba l-preżenza tal-Alpi; hekk kif 32% biss tal-pajjiż huwa 500 metru (1,640 ft) l'isfel, u l-ogħla punt huwa ta' 3,798 metru (12,461 ft). Il-maġġoranza tal-popolazzjoni lokali titkellem bid-djaletti Bavarjani tal-Ġermaniż bħala l-lingwa nattiva tagħhom, u l-Ġermaniż fil-forma standard tiegħu huwa l-lingwa uffiċjali tal-pajjiż. Lingwi uffiċjali lokali oħra huma l-Ungeriż, il-Kroat Burgenland, u s-Sloven.

Berlin

Berlin hija l-belt kapitali Ġermaniża u is-sede tal-Gvern Ġermaniż. Hija wkoll wieħed mis-16-il stat li flimkien jagħmlu l-Ġermanja. Hija ċ-ċentru tar-reġjun Berlin/Brandenburg. Fiha hemm joqogħdu 3.4 miljun ruħ u hija meqjusa bħala l-ikbar u l-aktar belt ppopolata fil-Ġermanja u t-tieni l-akbar belt fl-Unjoni Ewropea.

Finlandja

Il-Finlandja ( Finlandiż: Suomi ; Żvediż: Finland), uffiċjalment ir-Repubblika tal-Finlandja, huwa pajjiż Nordiku li jinsab fir-reġjun tal-Fennoskandja tal-Ewropa ta' Fuq. Il-pajjiż huwa mdawwar mill-Iżvezja fil-punent, in-Norveġja fit-tramuntana u r-Russja fil-lvant, filwaqt li l-Estonja tinsab fin-nofsinhar in-naħa l-oħra tal-Golf tal-Finlandja.

Huwa stmat li 5.4 miljun persuna jgħixu fil-Finlandja, bil-maġġoranza kkonċentrata fir-reġjuni tan-nofsinhar. Hi t-tmien l-akbar pajjiż fl-Ewropa skont l-erja u l-pajjiż b'densità ta' popolazzjoni l-iżjed baxxa fl-Unjoni Ewropea. Politikament, il-pajjiż huwa repubblika parlamentari bi gvern ċentrali bbażat fil-belt kapitali Ħelsinki, gvernijiet lokali fi 336 muniċipju u reġjun awtonomu, il-Gżejjer Åland.

Franza

Franza (Franċiż:France), uffiċjalment ir-Repubblika Franċiża (Franċiż: République française), hi pajjiż fl-Ewropa tal-Punent. Il-belt belt kapitali tagħha hi Pariġi. Hi membru tal-Unjoni Ewropea. Franza hi maqsuma f'22 régions li huma suddiviżi f' départements.Il-pajjiż ilu wieħed mill-potenzi dinjin mill-aħħar tas-Seklu 17. Fis-sekli 18 u 19, bena imperu kolonjali kbir mifrux mal-Afrika tal-Punent u l-Asja tal-Lbiċ. Illum dan m'għadux jeżisti. Hu l-pajjiż li l-iktar iżuruh nies fid-dinja. Madwar 82 miljun turist barrani jżuru kull sena. Franza hi membru fundatur tal-Unjoni Ewropea. Għandha l-iżjed art kbira fl-Unjoni. Franza hi wkoll membru fundatur tal-Ġnus Magħquda, u membru tal-G8 u tan-NATO. Hi wieħed mill-ħames membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. Għandha Armi Nukleari, inklużi testati attivati, u għandha wkoll impjanti nukleari tal-elettriku.

Fost il-bliet l-iżjed magħrufa fi Franza insibu 'l Pariġi, Nizza, Nancy, Marsilja, Bordeaux, Lille, Lyon, Toulouse Strasburgu, Rennes u Nantes.

Greċja

Il-Greċja (bil-Grieg: Ελλάδα), magħrufa uffiċjalment bħala r-Repubblika Ellenika (Ελληνική Δημοκρατία), huwa pajjiż fl-Ewropa tal-Lvant. Il-belt kapitali hija Ateni, li hija wkoll l-ikbar belt tal-pajjiż. Skont ċensiment tal-2011, il-popolazzjoni tal-Greċja hija ftit inqas minn 11-il miljun.

Il-Greċja tinsab fil-konfini tal-Ewropa, l-Asja u l-Afrika u bħala fruntieri għandha lill-Albanija, ir-Repubblika tal-Maċedonja u l-Bulgarija fit-Tramuntana, u t-Turkija fil-Grigal. Il-Baħar Eġew jinsab fuq il-Lvant tal-Grigal, il-Baħar Jonju fuq il-Punent, u l-Baħar Mediterran fin-Nofsinhar. Bi 13,676 km, il-Greċja għandha l-ħdax l-itwal kosta fid-dinja, u tinkludi numru kbir ta' gżejjer (madwar 1,400 li 227 minnhom jgħixu n-nies fihom), fosthom Kreta, iċ-Ċikladi u l-Gżejjer Jonji. Tmenin fil-mija tal-Greċja hija muntanjuża, liema l-Muntanja Olimpu hija l-ikbar b'tul ta' 2,917-il metru.

Hi waħda mill-membri fundaturi tal-Ġnus Magħquda, ilha mill-1981 membru tal-Unjoni Ewropea (u taż-żona Ewro mill-2001) u membru mill-1952 tan-NATO. Il-Greċja huwa pajjiż żviluppat b'ekonomija avvanzata u ta' qliegħ, b'livell ta' għajxien għoli ħafna. L-ekonomija Griega hija wkoll l-ikbar waħda fil-Balkani.

Italja

L-Italja, uffiċjalment magħrufa bħala r-repubblika Taljana huwa pajjiż li jinsab fin-nofsinhar tal-Ewropa. Il-fruntiera tal-Italja tmiss ma' fruntieri ta' pajjiżi Ewropej oħra, ngħidu aħna bħal: Franza, l-Iżvizzera, l-Awstrija, u s-Slovenja tul l-alpi li jservu ta' fruntiera naturali. In-nofsinhar ta' dan il-pajjiż huwa ġej fil-forma ta' peniżola, dan għax din il-parti hija mdawra mill-baħar mediterran. F'din il-parti tal-Italja wieħed jista' faċilment jilloka l-gżira maġġuri ta' Sqallija, il-gżira ta' Sardinja u l-izgħar stati indipendenti li huma fi ħdan ir-reġjun Taljan, dawn huma, San Marino u l-belt tal-Vatikan. It-territorju Taljan ikopri xi 301,338 kilometru kwadru u huwa influwenzat direttament minn klima moderata u staġjonali. B'60.8 miljun abitant, l-Italja huwa l-ħames l-iktar pajjiż ippopolat fl-Ewropa u jġorr it-titlu tat-23 l-iktar pajjiż b'densità għolja fid-dinja. Ruma hija l-ikbar u l-belt kapitali tal-Italja.

Kroazja

Il-Kroazja, uffiċjalment ir-Repubblika tal-Kroazja (Kroat:Republika Hrvatska), hija repubblika parlamentari unitarja demokratika f'salib it-toroq tal-Ewropa Ċentrali, il-Balkani, u l-Mediterran. Il-Belt kapitali u l-akbar belt hija Żagreb. Il-pajjiż huwa maqsum f'20 kontej u l-belt ta' Żagreb. Il-Kroazja tkopri f'56,594 kilometru kwadru (21,851 mil kwadru) u għandha diversi, aktar klima kontinentali u Mediterranja. Il-kosta Kroata tal-Baħar Adrijatiku fiha aktar minn elf gżira. Il-popolazzjoni tal-pajjiż hija 4.19 miljun, li ħafna minnhom huma Kroati, l-aktar denominazzjoni reliġjuża hi l-Kattoliċiżmu Ruman. Il-Kroazja hi l-aktar membru ġdid tal-Unjoni Ewropea peress li ngħaqdet fl-1 ta' Ġunju 2013.

Litwanja

Il-Litwanja (Litwan:Lietuva), uffiċjalment ir-Repubblika tal-Litwanja (Litwan:Lietuvos Respublika) hi pajjiż fl-Ewropa ta' Fuq, u l-akbar mit-tliet Stati Baltiċi. Hi tinsab tul ix-xatt tax-xlokk tal-Baħar Baltiku, lejn il-lvant tal-Iżvezja u d-Danimarka. Il-pajjiż huwa mdawwar mill-Latvja lejn it-tramuntana, il-Bjelorussja lejn il-lvant u n-nofsinhar, il-Polonja fin-nofsinhar, u l-Kaliningrad Oblast għall-Lbiċ. Il-Litwanja għandha popolazzjoni stmata ta' 3 miljuni (2012), u l-belt kapitali u l-akbar belt tagħha hija Vilnius. Il-Litwani huma Nies Baltiċi, u l-lingwa uffiċjali, il-lingwa Litwana, hija waħda minn żewġ lingwi ħajjin (flimkien mal-Latvjan) fil-fergħa Baltika tal-familji tal-lingwi Indo-Ewropej.

Malta

Malta, magħrufa uffiċjalment bħala r-Repubblika ta' Malta, hija repubblika konstituzzjonali żviluppata Ewropew fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-pajjiż jikkonsisti minn arċipelagu ta' seba' gżejjer li jinsabu fil-Baħar Mediterran, fl-Ewropa t'Isfel, 93 km mill-kosta ta' Sqallija (l-Italja), 288 km fil-Lvant tat-Tuneżija u 300 km fit-Tramuntana tal-Libja. Dawn il-gżejjer igawdu minn klima Mediterranja.Matul l-istorja, il-pożizzjoni ta' Malta fil-Baħar Mediterran kellha sinjifikat strateġiku. Minħabba dan il-fattur, numru ta' qawwiet fosthom il-Feniċi, ir-Rumani, l-Għarab, l-Isqallin, il-Kavallieri ta' San Ġwann u l-Ingliżi lkoll ħakmu lil Malta. Malta kisbet l-indipendenza mir-Renju Unit fl-1964 u għaxar snin wara, fl-1974, saret Repubblika però xorta baqgħet membru tal-Commonwealth tan-Nazzjonijiet. Attwalment hi membru tal-Unjoni Ewropea, wara s-sħubija fl-2004, u wkoll tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Lingwa Maltija hija l-unika lingwa Semitika li hija lingwa formali tal-Unjoni Ewropea.

Malta hi magħrufa għas-siti ta' patrimonju tal-umanità, bl-aktar prominenti jkunu t-tempji megalitiċi li huma fost l-aktar siti qodma li għadhom weqfin fid-Dinja, kif ukoll il-Fortifikazzjonijiet tal-Ordni ta' San Ġwann u dawk Brittaniċi. Skont il-ktieb mill-Bibbja tal-Atti tal-Appostli, San Pawl innawfraga fuq din il-gżira. Komunità storika Lhudija għadha tinsab f'Malta minn żmien l-Imperu Ruman.

Il-belt kapitali ta' Malta hi l-Belt Valletta. Il-lingwi uffiċjali tal-pajjiż huma l-Malti u l-Ingiż, fejn dan tal-aħħar ħa post it-Taljan fl-1935. Malta għandha konnessjoni qawwija mal-Kattoliċiżmu Ruman, li tkompli tkun bħala r-reliġjon uffiċjali u l-aktar waħda prattikata f'Malta.

Pajjiżi l-Baxxi

Il-Pajjiżi l-Baxxi (bl-Olandiż: Nederland) hu pajjiż fl-Ewropa. Aktar minn 16 miljun ruħ jgħixu fih. Fit-tramuntana u l-punent tal-Pajjiżi l-Baxxi jinsab il-Baħar tat-Tramuntana. Lejn il-lvant hemm il-pajjiż tal-Ġermanja u fin-nofsinhar hemm il-pajjiż tal-Belġju. Il-Pajjiżi l-Baxxi huma wieħed mill-pajjiżi li bdew l-Unjoni Ewropea. In-nies li jgħixu fIl-Pajjiżi l-Baxxi jissejħu "Olandiżi". Il-lingwa tal-Pajjiżi l-Baxxi hi wkoll imsejħa Olandiż. Il-belt kapitali ewlenija tal-Pajjiżi l-Baxxi hi Amsterdam. Madankollu din mhijiex il-post fejn il-gvern għandu s-sedi tiegħu. Il-Kamra tad-Deputati (bl-Olandiż: "Tweede Kamer") tinsab fi il-Ħag.

Polonja

Il-Polonja, magħrufa uffiċjalment bħala r-Repubblika tal-Polonja (Rzeczpospolita Polska), hi pajjiż fl-Ewropa Ċentrali. Il-pajjiż imiss mal-Ġermanja fil-Punent; ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja fin-Nofsinhar; l-Ukrajna, il-Bjelorussja u l-Litwanja fuq il-Lvant; u l-Baħar Baltiku u l-Oblast ta' Kaliningrad fit-Tramuntana. Il-Polonja, b'żona territorjali ta' 312,696 kilometru kwadru (120,726 mi kwd), hi d-70 (2013) l-ikbar pajjiż fid-dinja u d-9 wieħed fl-Ewropa. B'popolazzjoni ta' 38 miljun ruħ, dan il-pajjiż hu l-34 pajjiż l-aktar popolat fid-dinja u fost l-iktar wieħed mill-membri tal-Unjoni Ewropea.

Il-Polonja huwa stat unitarju, magħmul minn sittax-il provinċja li jissejħu województwo bl-ilsien Pollakk. Varsavja hi l-belt kapitali tal-Polonja u tinsab fil-provinċja ta' Mazowieckie. Il-Polonja hi wkoll membru tal-Unjoni Ewropea, tan-NATO, tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Kummerċjali (OECD).

Portugall

Il-Portugall ( ˈpɔrtʃʉɡəl , (Portugiż: Portugal), uffiċjalment ir-Repubblika Portugiża (Portugiż: República Portuguesa), huwa pajjiż li jinsab fil-Lbiċ tal-Ewropa, fil-Peninżula Iberjana. Il-pajjiż huwa mdawwar mill-Oċean Atlantiku mill-punent u n-nofsinhar u Spanja fit-tramuntana u l-lvant. Aparti mill-Portugall kontinentali, ir-Repubblika Portugiża għandha sovranità fuq l-arċipelagi Atlantiċi ta' Ażori u Madejra, li huma reġjuni awtonomi tal-Portugall. Il-pajjiż huwa msemmi wara t-tieni l-akbar belt tiegħu, Porto, isem Latin li kien Portus Cale.

Repubblika tal-Irlanda

Ir-Repubblika tal-Irlanda hija nazzjon fl-Ewropa u tagħmel parti mill-gżira tal-Irlanda. Il-bqija tal-gżira, jiġifieri l-Irlanda ta' Fuq hija parti ntegrali tar-Renju Unit. Għandha popolazzjoni ta' 4.2 miljun ruħ.

Il-belt kapitali tagħha hi Dublin, li tgħodd nofs miljun ruħ u li tinsab tħares fuq il-Baħar tal-Irlanda. Bliet oħra kbar huma Cork b' 120 elf ruħ, Galway b' 73 elf, Limerick b' 53 elf u Waterford b' 46 elf. Fost l-aktar gżejjer magħrufa hemm dawk tal-Gżejjer Aran, fl-għarb tal-gżira u dik ta' Achill, li tintleħaq minn County Mayo.

Għalkemm il-pajjiż huwa ġar tar-Renju Unit u fil-parti l-kbira jitkellem l-ilsien Ingliż, kien ma' dan ir-renju li kellhu l-aktar taqbid fl-istorja mdemmija tiegħu. Tant li l-element patrijottiku jgħaffas ħafna, imqar jekk b'mod xejn komplimentuż, fuq il-passat storiku ta' bejniethom. Dan jidher ċar fil-letteratura u l-mużika Irlandiża, meqjusa fost l-ifjen fl-Ewropa.

Rumanija

Ir-Rumanija ( roʊˈmeɪniə (Rumen:România) hi pajjiż li tinsab fl-intersezzjoni tal-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tax-Xlokk, bi fruntiera mal-Baħar l-Iswed. Ir-Rumanija għandha fruntiera komuni mal-Ungerija u s-Serbjalejn il-punent, l-Ukrajna u l-Moldova għall-grigal u l-lvant, u l-Bulgarija fin-nofsinhar. B'238,391 kilometru kwadru (92,043 mi kw), ir-Rumanija hija t-tmien l-akbar pajjiż tal-Unjoni Ewropea mill-erja, u għandha s-seba' l-akbar popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea b'20,121,641 persuni (Ottubru 2011). Il-belt kapitali u l-ikbar belt hija Bukarest, li hija s-sitt l-akbar belt fl-Ewropa.

Il-Prinċipalitajiet Uniti ħarġu meta t-territorji tal-Moldavja u Wallachia kienu magħquda taħt il-Prinċep Alexander Ioan Cuza fl-1859. Fl-1866, il-Prinċep Karl tal-Hohenzollern-Sigmaringen kien imsejjaħ għat-tron bħala l-prinċep renjanti tal-Prinċipat Rumen u fl-1881 kien finalment inkurunat bħala Re Carol I l-ewwel monarka tar-Renju tar-Rumanija. L-indipendenza mill-Imperu Ottoman kienet iddikjarata fid-9 ta' Mejju 1877, u kienet internazzjonalment rikonoxxuta fis-sena ta' wara. Fl-aħħar tal-Ewwel Gwerra Dinjija, it-Transilvanja, Bukovina u Bessarabja ngħaqdu mar-Renju tar-Rumanija.

Slovakkja

Is-Slovakkja ( sloʊˈvɑːkiə ; Slovakk: Slovensko ), uffiċjalment ir-Repubblika Slovakka (Slovakk: Slovenská republika), hija pajjiż interkjuż fl-Ewropa Ċentrali. Il-pajjiż għandhu popolazzjoni ta' aktar minn ħames miljuni u erja ta' madwar 49,000 kilometru kwadru (19,000 mi kw). Is-Slovakkja hija mdawra mir-Repubblika Ċeka u l-Awstrija lejn il-punent, il-Polonja lejn it-tramuntana, l-Ukraina lejn il-lvant u l-Ungerija fin-nofsinhar. L-akbar belt hija l-kapitali, Bratislava, u t-tieni l-akbar hija Košice. Is-Slovakkja hija stat membru tal-Unjoni Ewropea, tan-NATO, tal-Ġnus Magħquda, l-OECD u L-WTO fost oħrajn. Il-lingwa uffiċjali hija s-Slovakk, membru tal-familja tal-Lingwi Slavi.

Is-Slavi waslu fit-territorju li llum il-ġurnata msejjaħ Slovakkja fis-sekli 5 u 6 matul il-perijodu ta' emigrazzjoni. Matul l-istorja, diversi partijiet tas-Slovakkja tal-lum kienu ikkontrollati mill-Imperu ta' Samo (l-ewwel unità politika magħrufa tas-Slavi), il-Prinċipalità ta' Nitra (bħala entità indipendenti, bħala parti tal-Gran Moravja u bħala parti mir-Renju Ungeriż), il-Gran Moravja, ir-Renju tal-Ungerija, l-Imperu Awstro-Ungeriż jew l-Imperu Habsburg, u ċ-Ċekoslovakkja. L-iStat Slovakk separat eżista għal mien qasir fit-Tieni Gwerra Dinjija, li matulha s-Slovakkja kienet dipendenza tal-Ġermanja Nażista bejn l-1939 u l-1944. Mill-1945, is-Slovakkja għal darb'oħra saret parti miċ-Ċekoslovakkja.

Is-Slovakkja saret stat indipendenti fl-1 ta' Jannar 1993 wara x-xoljiment paċifiku taċ-Ċekoslovakkja.

Ungerija

L-Ungerija (Ungeriż:Magyarország) hija pajjiż interkjuż fl-Ewropa Ċentrali. Il-pajjiż jinsab fil-Pjanura Pannonika u huwa mdawwar mis-Slovakkja lejn it-tramuntana, l-Ukraina u r-Rumanija lejn il-lvant, is-Serbja u l-Kroazja lejn in-nofsinhar, is-Slovenja lejn il-lbiċ u l-Awstrija lejn il-punent. Il-belt kapitali u l-akbar belt hija Budapest. L-Ungerija hija membru tal-Unjoni Ewropea, tan-NATO, tal-OECD, tal-Grupp Visegrád, u tal-Ftehim Schengen. Il-lingwa uffiċjali hija l-Ungeriż, magħrufa ukoll bħala Magyar, li hija parti mill-Grupp Finno-Ugriċi u hija l-aktar lingwa mhux Indo-Ewropea mitkellma fl-Ewropa.

Ċipru

Ċipru (Grieg:Κύπρος; Tork:Kıbrıs), uffiċjalment ir-Repubblika ta' Ċipru (Grieg:Κυπριακή Δημοκρατία; Tork:Kıbrıs Cumhuriyeti; Armen:Կիպրոսի Հանրապետություն), hi pajjiż gżira fil-Baħar tal-Lvant tal-Mediterran. Ċipru hija t-tielet l-akbar u t-tielet l-aktar popolata fil-Mediterran, u Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Hija tinsab fil-lvant tal-Greċja, fin-nofsinhar tat-Turkija, fil-punent tas-Sirja u l-Libanu, fil-majjistral tal-Iżrael u l-Medda ta' Gaża, u fit-tramuntana tal-Eġittu.

Ġermanja

Il-Ġermanja ( ˈdʒɜrməni ; Ġermaniż:Deutschland), uffiċjalment ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Ġermaniż:Bundesrepublik Deutschland), repubblika kostituzzjonali federali fl-Ewropa tal-punent-ċentrali. Il-pajjiż jikkonsisti f'16-il stat, u l-belt kapitali u l-akbar belt hija Berlin. Il-Ġermanja tkopri erja ta' 357,021 kilometru kwadru (137,847 mi kw) u għandha klima moderata staġjonali ħafna. Bi 80.3 miljun abitant, hija l-istat membru l-aktar popolat fl-Unjoni Ewropea. Il-Ġermanja hija l-qawwa kbira fl-ekonomika u l-politika tal-kontinent Ewropew u mexxej storiku f'ħafna oqsma teoretiċi u tekniċi.

Żvezja

L-Iżvezja (Żvediż:Sverige), uffiċjalment ir-Renju tal-Iżvezja (Żvediż: Konungariket Sverige ), hi pajjiż fl-Iskandinavja fl-Ewropa ta' Fuq. Il-pajjiż imiss man-Norveġja u l-Finlandja, u huwa konness mad-Danimarka b'pont li jaqasm il-fliegu ta' Øresund.

L -Iżvezja fiha 450,295 kilometru kwadru (173,860 mi kw) u hi t-tielet l-akbar pajjiż fl-Unjoni Ewropea bl-erja. Għandha popolazzjoni totali ta' madwar 9.5 miljun. u d-densità tal-popolazzjoni hi baxxa, 21 abitant kull kilometru kwadru (54/mi kw). Il-popolazzjoni hi kkonċentrata l-iktar fin-nofs tan-nofsinhar tal-pajjiż. Madwar 85% tal-popolazzjoni jgħixu f'żoni urbani. Il-belt kapitali tal-Iżvezja hija Stokkolma, li hija wkoll l-akbar belt. Mill-bidu tas-seklu 19, l-Iżvezja għexet fil-paċi u evitat il-gwerra.

Ewropa Stati membri tal-Unjoni Ewropea

B'lingwi oħrajn

This page is based on a Wikipedia article written by authors (here).
Text is available under the CC BY-SA 3.0 license; additional terms may apply.
Images, videos and audio are available under their respective licenses.